English Icon

Id-9 Sena

Għażiż/a student/a tad-9 Sena,

Għandek sena eċċitanti quddiemek – ser tibda l-Iskola Sekondarja. Dan mhux biss ifisser li ser tkun fi skola ġdida iżda wkoll li ser ikollok esperjenza ta’ sistema ġdida. Din is-sena ser tibda tħejji ruħek b’mod uffiċjali permezz tas-sillabi għall-eżamijiet tas-SEC li ser tagħmel fi żmien sentejn. Ser ikollok ukoll 2 suġġetti ġodda. Jekk għażilt suġġett Vokazzjonali bħala suġġett opzjonali, is-SEC tiegħek jibda minnufih fil-Year 9. Il-marki li jagħmlu parti mill-eżami tas-SEC ser jinġabru fil-Year 9, 10 u 11. Malli tlesti b’suċċess il-kors għandu jinħariġlek ċertifikat tas-SEC għas-suġġett/i vokazzjonali.

F’din is-sena tant importanti, trid iżżomm f’moħħok li matul dan il-vjaġġ ġdid tista’ ssib l-appoġġ kollu meħtieġ. Tista’ tikkomunika ma’ għalliem/a li tafda sabiex titwassal għand l-għalliema tal-guidance. Jekk tkun teħtieġ aktar appoġġ, l-għalliema tal-guidance jistgħu jirreferuk għand it-tim psikosoċjali edukattiv tal-kulleġġ, li huwa magħmul minn professjonisti differenti bħal counsellors, konsulenti tal-karriera, assistenti soċjali u psikologi edukattivi.

Nixtiequ wkoll ninfurmak li jekk f’ħajtek tkun qed taffaċċja xi diffikultajiet li ma jkunux marbuta mal-istudji tiegħek, bħal pressjoni minn sħabek, bulliżmu, relazzjonijiet diffiċli fid-dar jew problemi mal-ħbieb, toqgħodx lura milli tfittex l-għajnuna jew milli tieħu parir mingħand il-professjonisti li jaħdmu fl-iskola tiegħek sabiex jgħinuk. Dan jista’ jsir permezz tal-uffiċċju tal-għalliema tal-guidance li dejjem ser issibhom biex jagħtuk l-għajnuna.

Il-karti tal-eżami tal-imgħoddi meħtieġa biex tirrevedi jinsabu wkoll disponibbli B’XEJN u tista’ tniżżilhom minn hawnhekk.

Is-sena skolastika li jmiss ser tibda fis-26 ta’ Settembru. Il-vaganzi ta’ nofs it-terminu se jkunu bejn l-1 u l-5 ta’ Novembru. Il-vaganzi tal-Milied ser jibdew fl-24 ta’ Diċembru u t-tieni terminu ser jibda fis-7 ta’ Jannar.

Il-vaganzi tal-Karnival ser ikunu fl-4 u l-5 ta’ Marzu filwaqt li l-vaganzi tal-Għid ser ikunu bejn is-17 ta’ April u l-25 ta’ April.

L-eżamijiet annwali ser isiru bejn it-12 ta’ Ġunju u t-28 ta’ Ġunju.


Tixtieq tikkjarifika xi mistoqsija?

 


Tixtieq aktar informazzjoni?