It-8 Sena
Quddiemek għandek sena importanti ħafna. Matul din is-sena ser tingħata informazzjoni dwar suġġetti ġodda li tista’ tagħżel mis-Sena 9 ’l quddiem.
Jekk jogħġbok qis dawn id-deċiżjonijiet bl-akbar prijorità.
Nagħtuk parir li tagħżel suġġetti li jogħġbuk u li tieħu gost titgħallem dwarhom. Huwa importanti ħafna li l-għażla tiegħek tagħmilha INTI. Din m’għandhiex tkun ibbażata fuq xi jkunu għażlu l-aqwa ħbieb tiegħek jew fuq xi jġegħluk tagħżel in-nies ta’ madwarek.
Jenħtieġ li l-ġenituri jappoġġjaw lit-tfal tagħhom billi jiftħu diskussjoni dwar dawn l-għażliet. Bħalissa għadu kmieni wisq biex isiru deċiżjonijiet rigward għanijiet importanti fil-ħajja, iżda deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jħallu marka fuq it-triq li l-istudenti jistgħu jaqbdu fil-ġejjieni.
Inħeġġu lill-istudenti biex jesploraw l-għażliet differenti kollha u jevitaw kwalunkwe preġudizzju. Ninkoraġġuk tagħmel għażliet li jaqblu mal-profil u mal-prospetti tiegħek. Tista’ tisma’ oġġezzjonijiet bħal “Dan is-suġġett iebes wisq” jew “Dik l-għażla ma twasslek imkien”. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jingħataw kuntest. Dak li jkun diffiċli għal xi wħud, jista’ jkun l-għażla idonea għal oħrajn.
Matul ix-xhur li ġejjin ser tintalab tieħu sehem f’laqgħat u f’avvenimenti maħsuba għalik biex jgħinuk tagħmel l-aħjar deċiżjonijiet. F’Lulju, jittella’ l-avveniment iChoose, li hija l-okkażjoni perfetta biex tistaqsi mistoqsijiet lil konsulenti tal-karriera kkwalifikati rigward l-aħjar għażliet għalik. Aktar ’l quddiem, ser tingħata spjegazzjoni ssib dwar l-inizjattiva My Journey (il-Vjaġġ Tiegħi) u dwar xi tfisser għalik f’dan il-proċess.
Din is-sena l-Eżamijiet ta’ Nofs is-Sena ser iċedu posthom għal valutazzjoni kontinwa li ser issir matul is-sena kollha. Il-ħin li qabel kien jintuża fuq l-Eżamijiet ta’ Nofs is-Sena ser jibda jintuża fuq aktar tħarriġ u tagħlim. L-eżamijiet annwali ser jinżammu għas-suġġetti kollha li bħalissa għandhom Eżami Annwali, iżda l-marka annwali ser tgħaqqad flimkien il-marka tal-Valutazzjoni Kontinwa u l-Eżami Annwali.
Matul din is-sena ser jiġu organizzati għadd ta’ attivitajiet ibbażati fl-iskejjel biex jgħinuk tagħmel għażla infurmata dwar s-suġġetti tal-Year 10. Ser jiġu organizzati żjarat fi skejjel sekondarji ħalli tkun infurmat/a tajjeb dwar l-għażliet differenti tas-suġġetti. Il-firxa ta’ suġġetti offruti fil-Year 10 hija vasta, u għalhekk jenħtieġ tagħmel l-għażliet tiegħek bir-reqqa.
Matul is-sena ser jiġu organizzati għadd ta’ attivitajiet biex jgħinuk tagħmel l-għażla t-tajba. Dawn ser jinkludu, fost oħrajn, żjarat fuq il-post f’laboratorji u fi klassijiet ta’ skejjel sekondarji, taħditiet għall-istudenti u għall-ġenituri u żjarat minn professjonisti biex jiddiskutu mal-istudenti. L-istudenti kollha ser jingħataw l-opportunità li jitgħallmu dwar is-suġġetti vokazzjonali u applikati li huma disponibbli bħala suġġetti opzjonali. Oqsma oħra jinkludu l-Kimika u l-Bijoloġija, il-Kontabbiltà u l-Istudji Kummerċjali, l-Umanistika (il-Ġeografija, l-Istorja, l-Istudji Soċjali u l-Istudji Ewropej), l-Arti, il-Mużika, l-Ekonomija Domestika, l-Edukazzjoni Fiżika, id-Disinn u t-Teknoloġija, il-Komunikazzjonijiet Grafiċi u l-Istudji Informatiċi. L-istudenti jistgħu jagħżlu wkoll it-tieni lingwa barranija bħala waħda mill-għażliet tagħhom. L-attività Teens Science Café fl-iskejjel iġġib magħha professjonisti lokali li jaħdmu f’oqsma relatati max-xjenza fl-iskejjel biex jiddiskutu mal-istudenti l-opportunitajiet u l-isfidi fl-oqsma tax-xogħol tagħhom.
Il-Vjaġġ Tiegħi: Nasal minn Toroq Different
Mis-sena skolastika 2019-2020, għall-istudenti tal-Year 9 ser jiġi introdott il-proġett My Journey: Achieving through Different Paths (Il-Vjaġġ Tiegħi: Nirnexxu minn Mogħdijiet Differenti). My Journey jagħti valur ugwali lill-programmi ta’ tagħlim akkademiku, vokazzjonali u applikat. Dan ser jagħti lok biex l-istudenti tal-iskejjel sekondarji jgħaqqdu suġġetti akkademiċi, applikati u vokazzjonali rilevanti u ta’ kwalità li jippermettulhom jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. Aktar informazzjoni tinsab fuq myjourney.edu.mt.
L-iskejjel sekondarji ser jintroduċu suġġetti vokazzjonali u applikati ġodda. Is-suġġetti vokazzjonali u applikati huma: l-Ospitalità, is-Saħħa u l-Kura Soċjali, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni, it-Teknoloġija tal-Inġinerija, in-Negozju Agrikolu, il-Bejgħ bl-Imnut, it-Tessuti u l-Moda, l-Edukazzjoni dwar il-Litteriżmu Medjatiku, il-Parrukkerija u s-Sbuħija.
Is-suġġetti vokazzjonali u applikati ser jiġu mgħallma fl-iskejjel sekondarji mis-Sena 9 (Form 3) bħala suġġetti opzjonali. L-istudenti jistgħu jagħżlu wieħed jew tnejn minn dawn is-suġġetti fl-iskola sekondarja tagħhom jew fi skola fil-qrib.
Is-suġġetti akkademiċi opzjonali l-oħra kollha jistgħu jintgħażlu wkoll fl-iskejjel sekondarji kollha. Dawn jinkludu: il-Kontabbiltà, l-Istudji Kummerċjali, il-Kimika, il-Bijoloġija, il-Ġeografija, l-Istorja, l-Istudji Soċjali, l-Istudji Ewropej, il-Mużika, l-Arti, il-Komunikazzjonijiet Grafiċi, id-Disinn u t-Teknoloġija, l-Ekonomija Domestika, l-Edukazzjoni Fiżika, l-Istudji Informatiċi, il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ispanjol, it-Taljan u l-Għarbi.
Spjega qasir dwar kull suġġett tinsab fil-links t’hawn taħt:
- Accounting
- Agribusiness
- Arabic
- Art
- Biology
- Business Studies
- Chemistry
- Computing
- Design and Technology
- Engineering
- European Studies
- Geography
- Graphical Communication
- Health and Social Care
- History
- Home Economics
- Hospitality
- Information Technology
- Languages
- Physical Education
- Prince’s Trust
- Social Studies
Il-valutazzjoni tas-suġġetti kollha, inkluża dik tas-suġġetti vokazzjonali u applikati, ser issir mill-MATSEC u l-istudenti ser ikunu jistgħu jiksbu minn MQF Livell 1 sa MQF Livell 3.
F’din is-sena tant importanti, għandek tiftakar li matul dan il-vjaġġ tista’ ssib l-appoġġ kollu meħtieġ. Tista’ tikkomunika ma’ għalliem/a li tafda sabiex titwassal għand l-għalliema tal-guidance. Jekk tkun teħtieġ aktar appoġġ, l-għalliema tal-guidance jistgħu jirreferuk għand it-tim psikosoċjali edukattiv tal-kulleġġ, li huwa magħmul minn professjonisti differenti bħal counsellors, konsulenti tal-karriera, assistenti soċjali u psikologi edukattivi.
Nixtiequ wkoll ninfurmak li jekk f’ħajtek tkun qed taffaċċja xi diffikultajiet li ma jkunux marbuta mal-istudji tiegħek, bħal pressjoni minn sħabek, bulliżmu, relazzjonijiet diffiċli fid-dar jew problemi mal-ħbieb, toqgħodx lura milli tfittex l-għajnuna jew milli tieħu parir mingħand il-professjonisti li jaħdmu fl-iskola tiegħek sabiex jgħinuk. Dan jista’ jsir permezz tal-uffiċċju tal-għalliema tal-guidance li dejjem ser issibhom biex jagħtuk l-għajnuna.
Is-sena skolastika li jmiss ser tibda fis-26 ta’ Settembru. Il-vaganzi ta’ nofs it-terminu se jkunu bejn l-1 u l-5 ta’ Novembru. Il-vaganzi tal-Milied ser jibdew fl-24 ta’ Diċembru u t-tieni terminu ser jibda fis-7 ta’ Jannar.
Il-vaganzi tal-Karnival ser ikunu fl-4 u l-5 ta’ Marzu filwaqt li l-vaganzi tal-Għid ser ikunu bejn is-17 ta’ April u l-25 ta’ April.
L-eżamijiet annwali ser isiru bejn it-12 ta’ Ġunju u t-28 ta’ Ġunju.
Tixtieq tikkjarifika xi mistoqsija?
Tixtieq aktar informazzjoni?