Is-7 Sena
Għażiż/a Student/a tal-Year 7,
Fil-ħajja tiegħek ser tibda fażi ġdida dalwaqt! Issa wasalt għad-dħul fl-iskola medja fejn ser tagħmel ħbieb ġodda, tiltaqa’ ma’ nies ġodda, kotba ġodda, riżorsi ġodda, suġġetti ġodda u ma’ għadd akbar ta’ għalliema. Ser ikollok ukoll il-loker tiegħek, djarju u skeda aktar strutturata!
Din is-sena b’kollox ser ikollok 12-il suġġett u għalhekk trid torganizza ruħek iżjed u timmaniġġja ħinek aħjar.
Jekk għal xi raġuni ma tħossokx kuntent/a jew tħossok konfuż/a, jew issibha diffiċli biex tissetilja f’din il-vjaġġ il-ġdid, għandek tfittex l-għajnuna minnufih. Għandek tkellem lill-ġenituri/kustodji tiegħek, lil xi wieħed mill-għalliema li tafda jew lill-Assistent Kap jew lill-Kap tal-iskola l-ġdida tiegħek.
F’din is-sena tant importanti, trid iżżomm f’moħħok li matul dan il-vjaġġ ġdid tista’ ssib l-appoġġ kollu meħtieġ. Tista’ tikkomunika ma’ għalliem/a li tafda sabiex titwassal għand l-għalliema tal-guidance. Jekk tkun teħtieġ aktar appoġġ, l-għalliema tal-guidance jistgħu jirreferuk għand it-tim psikosoċjali edukattiv tal-kulleġġ, li huwa magħmul minn professjonisti differenti bħal counsellors, konsulenti tal-karriera, assistenti soċjali u psikologi edukattivi.
Nixtiequ wkoll ninfurmak li jekk f’ħajtek tkun qed taffaċċja xi diffikultajiet li ma jkunux marbuta mal-istudji tiegħek, bħal pressjoni minn sħabek, bulliżmu, relazzjonijiet diffiċli fid-dar jew problemi mal-ħbieb, toqgħodx lura milli tfittex l-għajnuna jew milli tieħu parir mingħand il-professjonisti li jaħdmu fl-iskola tiegħek sabiex jgħinuk. Dan jista’ jsir permezz tal-uffiċċju tal-għalliema tal-guidance li dejjem ser issibhom biex jagħtuk l-għajnuna.
Ser jiġi introdott sillabu ġdid ibbażat fuq ir-riżultati tat-tagħlim fis-suġġetti kollha fil-Year 7 tal-Primarja (Form 1). It-tħarriġ u t-tagħlim ser ikunu aktar ċċentrati fuq l-istudenti, b’attivitajiet li jittellgħu fil-klassi sabiex it-tfal jiksbu r-riżultati tat-tagħlim stabbiliti fil-programm tas-sena. L-Eżamijiet ta’ Nofs is-Sena ser iċedu posthom għal valutazzjoni kontinwa li ser issir matul is-sena skolastika kollha. Fl-aħħar ta’ kull terminu l-ġenituri/kustodji u l-istudenti ser jirċievu kummenti dwar xi jkunu kisbu l-istudenti flimkien mal-marka tal-valutazzjoni tagħhom. Il-ġenituri/kustodji u l-istudenti ser jirċievu wkoll Marka Annwali fi tmiem is-sena, li tkun tikkonsisti fil-valutazzjoni kontinwa ta’ matul is-sena u l-marka tal-Eżami Annwali. Il-Programm tar-Riżultati tat-Tagħlim jinsab .
Ser tibda titgħallem lingwa barranija tal-għażla tiegħek flimkien mal-Malti u l-Ingliż. Ser tingħata wkoll introduzzjoni għal suġġetti bħad-Disinn u t-Teknoloġija (inklużi l-Komunikazzjonijiet Grafiċi), l-Ekonomija Domestika, l-Arti u l-Mużika. Ser ikollok ukoll lezzjonijiet dwar l-ICT fil-laboratorji tal-kompjuter tal-iskola. Uħud mill-istudenti għażlu programm aktar intensiv fl-Edukazzjoni Fiżika. Dan il-programm ser jibda jsir għall-ewwel darba fil-Year 7.
Nixtiequ nħeġġuk tieħu sehem fl-attivitajiet extra-kurrikulari li jittellgħu għalik fl-iskola tiegħek!
Is-sena skolastika li jmiss ser tibda fis-26 ta’ Settembru. Il-vaganzi ta’ nofs it-terminu se jkunu bejn l-1 u l-5 ta’ Novembru. Il-vaganzi tal-Milied ser jibdew fl-24 ta’ Diċembru u t-tieni terminu ser jibda fis-7 ta’ Jannar.
Il-vaganzi tal-Karnival ser ikunu fl-4 u l-5 ta’ Marzu filwaqt li l-vaganzi tal-Għid ser ikunu bejn is-17 ta’ April u l-25 ta’ April.
L-eżamijiet annwali ser isiru bejn it-12 ta’ Ġunju u t-28 ta’ Ġunju 2019.
Tixtieq tikkjarifika xi mistoqsija?
Tixtieq aktar informazzjoni?