Is-Sitt Sena
Din hija l-aħħar sena tal-iskola primarja. Pass importanti ħafna fil-ħajja tat-tifel/tifla tiegħek.
Matul din is-sena skolastika l-istudenti jkollhom għadd ta’ sessjonijiet informattivi biex jitħejjew għall-pass li jmiss fil-ħajja skolastika tagħhom. Fl-aħħar ta’ din is-sena, it-tfal se jkollhom l-assessjar tal-Benchmark ta’ Tmiem l-Edukazzjoni Primarja fl-Ingliż, fil-Malti u fil-Matematika. It-tfal se jkunu mħejjija tajjeb matul is-sena għal dan l-assessjar. Aktar informazzjoni dwar il-Benchmark, inklużi karti tal-assessjar tal-imgħoddi, huma disponibbli onlajn fuq www.curriculum.gov.mt. F’dan is-sit tista’ wkoll issib l-applikazzjonijiet għal arranġamenti ta’ aċċess.
It-tfal se jgħaddu minn eżerċizzju ta’ tranżizzjoni fejn se jkunu meħuda jżuru l-bini tal-iskola l-ġdida.
Matul is-sena skolastika 2018-2019, l-eżamijiet ta’ nofs is-sena fis-Sitt Sena qed ikunu sostitwiti b’assessjar kontinwu, imwettaq matul is-sena kollha. Il-ħin li qabel kien jittieħed għall-eżamijiet ta’ nofs is-sena issa ser ikun iddedikat għal aktar ħin għat-tagħlim. L-eżamijiet annwali tal-Istudji Soċjali, l-Edukazzjoni Reliġjuża u l-Edukazzjoni tal-Etika ser jiġu sostitwiti wkoll b’assessjar kontinwu.
L-assessjar tal-Benchmark annwali se jkun f’Mejju 2019.
Qed jiġi introdott eżami annwali fix-Xjenza. Kampjun tal-karta tal-eżami tax-Xjenza huwa disponibbli fuq din il-link.
Matul din is-sena it-tfal jgħaddu minn tkabbir mgħaġġel. Għalhekk, dan ifisser li se jkun importanti għalik bħala ġenitur/gwardjan li titkellem mat-tfal tiegħek dwar il-bidliet fil-ġisem tagħhom li jistgħu jkunu qed jesperjenzaw. Jekk teħtieġ l-għajnuna tal-amministrazzjoni tal-iskola, din tista’ tiġi offruta mill-għalliema tal-PSCD jew mill-guidance teacher tal-iskola tat-tfal.
F’din is-sena se jkun hemm kontinwazzjoni dwar id-diversità fil-lingwi barranin – It-Taljan, il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ispanjol u l-Għarbi. Ċelebrazzjoni tal-lingwi barranin se tkun tista’ titgawda fil-klassi permezz tal-mużika, l-arti u l-kultura ta’ lingwi differenti. Dan il-programm jissejjaħ ‘Foreign Language Awareness Programme’ (FLAP): aktar dettalji.
Din is-sena t-tifel/tifla tiegħek se jkun/tkun qed jagħmel/tagħmel għażliet li se jibqgħu miegħu/magħha sa l-aħħar sena tal-iskola obbligatorja (il-Ħdax-il Sena). It-tfal se jkunu qed jagħżlu lingwa li se jibdew jitgħallmu fil-Form 1. Il-programm FLAP jista’ jgħin lit-tfal jieħdu deċiżjoni aħjar minħabba li huma jkunu esposti għal lingwi barranin ġodda sa minn età żgħira ħafna.
Xi studenti li għandhom talent fid-dixxiplina tal-isports jew f’xi forma ta’arti se jkollhom l-opportunità li jibdew jattendu l-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke u l-Iskola tal-Arti Viżiva u l-Ispettaklu ta’ Malta, fil-Ħamrun. F’dawn iż-żewġ skejjel, l-istudenti jipparteċipaw fi programmi speċifiċi relatati mal-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, flimkien ma’ suġġetti akkademiċi.
L-istudenti u l-ġenituri jkunu infurmati li l-applikazzjonijiet għaż-żewġ skejjel huma miftuħa permezz ta’ ittra ċirkulari indirizzata lill-ġenituri. Se jiġu ppubblikati wkoll reklami fuq il-gazzetti tal-Ħadd, u fuq il-midja soċjali.
Sfortunatament l-imġiba tal-ibbuljar tibda toħroġ sa minn età żgħira. Is-settings tal-iskejjel primarji joffru ċ-ċans lill-edukaturi li jipprevjenu u jwaqqfu milli tinħoloq imġiba ta’ bbuljar u jaħdmu sabiex jiżviluppaw interazzjonijiet soċjali pożittivi.
Jekk tissuspetta li t-tifel/tifla tiegħek qed ibati/tbati minn ibbuljar, ansjetà jew kwistjonijiet ta’ mġiba ma’ sħabhom, l-għajnuna hija disponibbli. Nissuġġerixxu li tagħmel kuntatt mal-membri tal-amministrazzjoni tal-iskola, li għandhom esperjenza ta’ kif wieħed jindirizza dawn it-tipi ta’ kwistjonijiet u jistgħu jwassluk sabiex bl-aħjar mod tkun tista’ tgħin lit-tifel/tifla tiegħek jadatta/tadatta sabiex igawdi/tgawdi s-sbuħija tal-iskola.
Mistoqsi jiet Frekwenti
Wieħed jista’ jirreġistra lit-tifel/tifla tiegħu skont il-lokalità tar-residenza. Jekk pereżempju, wieħed joqgħod fiż-Żejtun, allura l-ġenituri għandhom imorru l-iskola primarja taż-Żejtun. Jekk il-ġenituri jeħtieġu li jirreġistraw lit-tifel/tifla tagħhom fi skola li ma tinsabx fil-lokalità tar-residenza tagħhom, jeħtieġ li jmorru l-Uffiċċju tal-Prinċipal ta’ dak il-kulleġġ li l-iskola fejn bi ħsiebhom jibagħtu lit-tifel/tifla tagħhom tifforma parti minnu u jirreġistraw lit-tifel/tifla hemmhekk. Peress li fit-tieni każ, l-iskola magħżula hija barra mill-lokalità ta’ residenza, il-ġenituri jiġu avżati dwar jekk hemmx post disponibbli jew le f'dik l-iskola partikolari.
L-uniformijiet jistgħu jinxtraw minn "Yorkie Clothing", Triq San Ġiljan, B'Kara BKR 2808 (qrib l-Isptar Mater Dei). Matul il-vaganzi tas-sajf "Yorkie Clothing" tikkollabora mal-kulleġġi u toffri l-bejgħ tal-uniformijiet minn xi skola/skejjel f'dati fissi li jiġu rreklamati mal-ġenituri mill-iskejjel fi ħdan dak il-kulleġġ partikolari.
L-iskejjel jagħtu prijorità lill-benessri tat-tfal b'mod olistiku u nemmnu li dieta tajba hija parti importanti ħafna fl-iżvilupp tat-tfal. Informazzjoni dwar il-politika dwar l-ikel tajjeb għas-saħħa fl-iskejjel tista’ tinkiseb minn hawnhekk.
Il-ġenituri/gwardjani jistgħu jappoġġjaw u jikkomplementaw l-esperjenza tat-tagħlim tat-tfal billi jżommu ruħhom aġġornati mal-esperjenza tat-tagħlim li tkun qed issir fl-iskola. Il-ġenituri huma mħeġġa jikkomunikaw regolarment mat-tfal tagħhom dwar l-esperjenzi ta' kuljum tagħhom fl-iskola, jisimgħu dak li għandhom x’jgħidu t-tfal u jappoġġjaw it-talbiet għall-appoġġ ta’ wliedhom. Il-ħin li wieħed iqatta’ jitkellem m’uliedu huwa ħin investit tajjeb. Il-ġenituri għandhom ukoll ikollhom kotba addizzjonali u riżorsi edukattivi oħra disponibbli għal uliedhom fid-dar, sabiex it-tfal ikunu jistgħu jkomplu jespandu l-esperjenzi tat-tagħlim tagħhom. Tali riżorsi jistgħu jiġu mislufa mill-libreriji pubbliċi jew tal-iskola. Skont l-età tat-tfal, il-ġenituri jistgħu jqattgħu ħin jaqraw lit-tfal tagħhom kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti, jew jinkoraġġixxu lit-tfal biex jaqraw varjetà ta' ġeneri li huma ta' interess għalihom. Il-ġugarelli edukattivi wkoll jistgħu jgħinu lit-tfal jidħlu aktar fil-fond f'oqsma li huma rilevanti u ta’ interess għalihom. Riżorsi ta’ divertiment edukattiv, inkluż logħob diġitali, jgħinu biex jiżdiedu l-esperjenzi tat-tfal. Il-ħin li wieħed iqatta’ fuq dan it-tip ta’ divertiment għandu jkun ibbilanċjat b'ħin ieħor iddedikat għal attività fiżika u għas-soċjalizzazzjoni.
F'każ ta’ diffikultajiet li t-tfal jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw fl-iskola, il-ġenitur għandu jikkuntattja lill-għalliem jew lill-Kap tal-Iskola biex jiċċara kwalunkwe kwistjoni. Huwa biss f’każ li l-ġenitur ma jkunx sodisfatt bit-tweġiba li rċieva li għandu jagħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Principal tal-Kulleġġ.
Attivitajiet informali barra l-iskola bħalma huma l-parteċipazzjoni fl-isports, mużika, arti, żfin, drama eċċ, jew l-attendenza fi klabbs jgħinu lit-tfal jissoċjalizzaw u jwessgħu l-esperjenzi u l-ħiliet tagħhom meħtieġa għat-tagħlim tul il-ħajja. Attivitajiet fiżiċi bħal sports, mixjiet fil-kampanja u attivitajiet simili oħra jgħinu lit-tfal jikbru b'saħħithom. Dan għandu jkun ikkumplimentat minn ikliet bnini ta' kuljum, skont l-età tat-tfal f’nofsinhar u filgħaxija.
Is-sena skolastika li jmiss se tibda fis-26 ta’ Settembru 2018. Il-vaganzi ta' nofs it-terminu se jkunu bejn l-1 u l-5 ta’ Novembru 2018. Il-vaganzi tal-Milied se jibdew fl-24 ta’ Diċembru 2018 u l-iskola tibda t-tieni terminu tagħha fis-7 ta' Jannar 2019.
Il-vaganzi tal-Karnival se jkunu fl-4 u l-5 ta' Marzu 2019 filwaqt li l-vaganzi tal-Għid se jibdew mis-17 ta' April sal-25 ta' April 2019. L-eżamijiet tal-Benchmark se jsiru bejn l-24 ta’ Mejju u l-14 ta’ Ġunju 2019.
Tixtieq tikkjarifika xi mistoqsija?
Tixtieq aktar informazzjoni?