English Icon

Il-11 -il Sena

Għażiż/a student/a tal-11-il Sena,

Din ser tkun sena importanti ħafna għalik! Din ser tkun l-aħħar sena tiegħek fl-iskola sekondarja, u għaldaqstant issa sirt parti mill-ikbar studenti tal-iskola! Aħna qegħdin hawnhekk biex niggwidawk rigward dak li ser tiltaqa’ miegħu fis-sena skolastika li jmiss.

Kif ċerti li diġà taf, f’din is-sena skolastika ser tagħmel l-eżamijiet tas-SEC. Biex tagħmel dan, ftakar li trid tapplika għal dawn l-eżamijiet li qed noffrulek B’XEJN minn din is-sena ’l quddiem! L-applikazzjonijiet għall-Eżamijiet tas-SEC ser jinfetħu fl-aħħar ta’ Ottubru u tista’ tapplika għalihom onlajn mis-sit exams.gov.mt. Aktar tagħrif dettaljat dwar kulma jirrgwarda l-eżamijiet tas-SEC jinsab hawnhekk.

Il-karti tal-eżami tal-imgħoddi meħtieġa biex tirrevedi jinsabu wkoll disponibbli B’XEJN u tista’ tniżżilhom minn hawnhekk.

Madankollu ser tingħata wkoll l-opportunità li tattendi diversi laqgħat kemm fl-iskola tiegħek stess kif ukoll barra minnha, sabiex tħejji ruħek għall-għażliet li għandek biex tidħol fl-edukazzjoni post-sekondarja. Dawn jinkludu: Junior College Imsida, Giovanni Curmi Higher Secondary, Sir M. A. Refalo 6th Form, MCAST, ITS, GEM16+ u sixth forms privati oħrajn.

Jekk m’intix ser tagħmel l-Eżamijiet tas-SEC għandek ukoll il-possibbiltà li tingħata aktar informazzjoni dwar il-pass il-kbir li jmiss fil-ħajja tiegħek, permezz ta’ konsulenti tal-karriera tal-kulleġġ jew tal-għalliema tal-guidance fl-iskola tiegħek stess. Dan jista’ jsir b’appuntament mal-għalliema tal-guidance fl-iskola tiegħek stess li għandhom jiggwidawk għall-pass li jmiss.

F’din is-sena tant importanti, trid iżżomm f’moħħok li matul dan il-vjaġġ ġdid tista’ ssib l-appoġġ kollu meħtieġ. Tista’ tikkomunika ma’ għalliem/a li tafda sabiex titwassal għand l-għalliema tal-guidance. Jekk tkun teħtieġ aktar appoġġ, l-għalliema tal-guidance jistgħu jirreferuk għand it-tim psikosoċjali edukattiv tal-kulleġġ, li huwa magħmul minn professjonisti differenti bħal counsellors, konsulenti tal-karriera, assistenti soċjali u psikologi edukattivi.

Nixtiequ wkoll ninfurmak li jekk f’ħajtek tkun qed taffaċċja xi diffikultajiet li ma jkunux marbuta mal-istudji tiegħek, bħal pressjoni minn sħabek, bulliżmu, relazzjonijiet diffiċli fid-dar jew problemi mal-ħbieb, toqgħodx lura milli tfittex l-għajnuna jew milli tieħu parir mingħand il-professjonisti li jaħdmu fl-iskola tiegħek sabiex jgħinuk. Dan jista’ jsir permezz tal-uffiċċju tal-għalliema tal-guidance li dejjem ser issibhom biex jagħtuk l-għajnuna.

Tista’ ssib l-għajnuna wkoll matul il-vaganzi fl-uffiċċju tal-prinċipal tal-kulleġġ tiegħek.

L-eżamijiet finali tiegħek ser isiru fi Frar. Dawn l-eżamijiet, flimkien mal-valutazzjoni tiegħek tas-snin preċedenti ser jirriflettu is-School Secondary Certificate and Profile (SSC&P) tiegħek.
Wara dawn l-eżamijiet jibdew il-vaganzi tal-Għid u ftit wara ser tibda l-Eżamijiet tas-SEC. Dawn ser jibdew tard f’Marzu u jintemmu fil-bidu ta’ Ġunju, skont is-suġġetti tiegħek. L-iskedi tas-SEC jinsabu hawnhekk.

Is-sena skolastika li jmiss ser tibda fis-26 ta’ Settembru. Il-vaganzi ta’ nofs it-terminu se jkunu bejn l-1 u l-5 ta’ Novembru. Il-vaganzi tal-Milied ser jibdew fl-24 ta’ Diċembru u t-tieni terminu ser jibda fis-7 ta’ Jannar.

Il-vaganzi tal-Karnival ser ikunu fl-4 u l-5 ta’ Marzu filwaqt li l-vaganzi tal-Għid ser ikunu bejn is-17 ta’ April u l-25 ta’ April.

L-eżamijiet annwali ser isiru bejn it-12 ta’ Frar u s-26 ta’ Frar.

Nixtiequ nawgurawlek l-aqwa riżq għal din is-sena!


Tixtieq tikkjarifika xi mistoqsija?

 


Tixtieq aktar informazzjoni?