L-10 Sena
DGħażiż/a student/a tal-10 Sena,
Din is-sena ser ikollok l-opportunità li tqatta’ ġimgħa sħiħa f’esperjenza tal-karriera li ser tagħżel int stess. Din ser tħejjik għad-dinja tax-xogħol billi tagħtik għarfien aħjar dwar l-importanza tas-suġġetti tal-iskola u dwar ir-relazzjoni tagħhom mal-post tax-xogħol.
Matul din is-sena ser tkompli tħejji ruħek għall-eżamijiet tas-SEC li ser tagħmel is-sena d-dieħla.
Matul din is-sena ser kollok diversi attivitajiet, anke barra mill-iskola, li għandhom x’jaqsmu mas-suġġett li għażilt li tiffoka fuqu. Kull sena jittellgħu għadd ta’ attivitajiet: Francofete għal studenti li għażlu l-lingwa Franċiża, Mathematics Olympiad għal studenti li jinqalgħu fil-Matematika, il-kompetizzjoni Malta Robotic Olympiad jekk għażilt l-Istudji Informatiċi bħala suġġett opzjonali, kompetizzjonijiet atletiċi jekk għandek xeħta għal dan il-qasam, u l-bqija.
F’din is-sena tant importanti, trid iżżomm f’moħħok li matul dan il-vjaġġ ġdid tista’ ssib l-appoġġ kollu meħtieġ. Tista’ tikkomunika ma’ għalliem/a li tafda sabiex titwassal għand l-għalliema tal-guidance. Jekk tkun teħtieġ aktar appoġġ, l-għalliema tal-guidance jistgħu jirreferuk għand it-tim psikosoċjali edukattiv tal-kulleġġ, li huwa magħmul minn professjonisti differenti bħal counsellors, konsulenti tal-karriera, assistenti soċjali u psikologi edukattivi.
Jekk għal xi raġuni ma tħosskx kuntent/a bis-suġġett opzjonali li għażilt fil-Year 8, kun af li mhuwiex l-aħħar tad-dinja. F’dan il-każ nagħtuk parir tfittex gwida rigward toroq professjonali oħra li forsi jintrigawk aktar wara li tlesti l-iskola sekondarja. Dan jista’ jsir permezz tal-għalliema tal-guidance jew tal-konsulent tal-karriera tiegħek.
Nixtiequ wkoll ninfurmak li jekk f’ħajtek tkun qed taffaċċja xi diffikultajiet li ma jkunux marbuta mal-istudji tiegħek, bħal pressjoni minn sħabek, bulliżmu, relazzjonijiet diffiċli fid-dar jew problemi mal-ħbieb, toqgħodx lura milli tfittex l-għajnuna jew milli tieħu parir mingħand il-professjonisti li jaħdmu fl-iskola tiegħek sabiex jgħinuk. Dan jista’ jsir permezz tal-uffiċċju tal-għalliema tal-guidance li dejjem ser issibhom biex jagħtuk l-għajnuna.
Tista’ ssib l-għajnuna wkoll matul il-vaganzi fl-uffiċċju tal-prinċipal tal-kulleġġ tiegħek.
Il-karti tal-eżami tal-imgħoddi meħtieġa biex tirrevedi jinsabu wkoll disponibbli B’XEJN u tista’ tniżżilhom minn hawnhekk.
Is-sena skolastika li jmiss ser tibda fis-26 ta’ Settembru. Il-vaganzi ta’ nofs it-terminu se jkunu bejn l-1 u l-5 ta’ Novembru. Il-vaganzi tal-Milied ser jibdew fl-24 ta’ Diċembru u t-tieni terminu ser jibda fis-7 ta’ Jannar.
Il-vaganzi tal-Karnival ser ikunu fl-4 u l-5 ta’ Marzu filwaqt li l-vaganzi tal-Għid ser ikunu bejn is-17 ta’ April u l-25 ta’ April.
L-eżamijiet annwali ser isiru bejn it-12 ta’ Ġunju u t-28 ta’ Ġunju.
Tixtieq tikkjarifika xi mistoqsija?
Tixtieq aktar informazzjoni?