L-Ewwel Sena
L-Ewwel Sena hija kontinwazzjoni tas-Snin Bikrin, li tagħti bidu għal tagħlim primarju u aktar formali. It-tfal jitħarrġu f’oqsma differenti fosthom l-Ingliż, il-Malti, il-Matematika, ir-Reliġjon/l-Etika, ix-Xjenza u l-Istudji Soċjali. It-tfal ikollhom sessjonijiet fl-Edukazzjoni Fiżika, Arti, Drama u Mużika.
Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar kull suġġett billi żżur dan il-link.
Ġenituri li jixtiequ li t-tfal tagħhom ikollhom edukazzjoni fl-Etika minflok dik fir-Reliġjon għandhom jiċċekkjaw mal-Kap tal-Iskola jekk din l-għażla hijiex disponibbli fl-iskola tagħhom. Imbagħad għandhom jinfurmaw lill-Kap tal-Iskola bix-xewqa tagħhom.
Jekk it-tifel/tifla tiegħek qed isibha/issibha diffiċli biex jadatta/tadatta għall-ambjent skolastiku ġdid, jew qed isibha/issibha diffiċli biex jissetilja/tissetilja, huwa ta’ importanza kbira li wieħed jitkellem mal-membri tal-amministrazzjoni tal-iskola, li għandhom esperjenza ta’ kif wieħed jindirizza dawn it-tipi ta’ kwistjonijiet u jistgħu jwassluk sabiex bl-aħjar mod tkun tista’ tgħin lit-tifel/tifla tiegħek jadatta/tadatta sabiex igawdi/tgawdi s-sbuħija tal-iskola.
Din is-sena t-tifel/tifla tiegħek se jibda t-tagħlim bażiku fil-qari u l-kitba. Il-prattika fid-dar hija mħeġġa. Aktar riżorsi hawn.
Aħna nħeġġuk biex issegwi dak kollu li jkun/tkun qed jagħmel/tagħmel it-tifel/tifla tiegħek inkluż meta tkun qed tintuża t-teknoloġija minħabba li din tista’ tkun ta’ detriment daqs kemm tista’ tkun utli għall-iżvilupp tat-tfal.
Mistoqsi jiet Frekwenti
Ladarba t-tfal jilħqu l-età ta' 5 snin, il-ġenituri jew il-gwardjani rispettivi huma obbligati jirreġistrawhom ma' skola akkreditata bil-liġi.
Wieħed jista’ jirreġistra lit-tifel/tifla tiegħu skont il-lokalità tar-residenza. Jekk pereżempju, wieħed joqgħod fiż-Żejtun, allura l-ġenituri għandhom imorru l-iskola primarja taż-Żejtun. Jekk il-ġenituri jeħtieġu li jirreġistraw lit-tifel/tifla tagħhom fi skola li ma tinsabx fil-lokalità tar-residenza tagħhom, jeħtieġ li jmorru l-Uffiċċju tal-Prinċipal ta’ dak il-kulleġġ li l-iskola fejn bi ħsiebhom jibagħtu lit-tifel/tifla tagħhom tifforma parti minnu u jirreġistraw lit-tifel/tifla hemmhekk. Peress li fit-tieni każ, l-iskola magħżula hija barra mill-lokalità ta’ residenza, il-ġenituri jiġu avżati dwar jekk hemmx post disponibbli jew le f'dik l-iskola partikolari.
Talba barra mill-lokalità hija meqjusa bħala eċċezzjoni u l-ġenituri għandhom ikollhom raġuni ġenwina, u jipprovdu evidenza li t-tali talba hija dovuta għal ħtieġa ġenwina.
L-uniformijiet jistgħu jinxtraw minn "Yorkie Clothing", Triq San Ġiljan, B'Kara BKR 2808 (qrib l-Isptar Mater Dei). Matul il-vaganzi tas-sajf "Yorkie Clothing" tikkollabora mal-kulleġġi u toffri l-bejgħ tal-uniformijiet minn xi skola/skejjel f'dati fissi li jiġu rreklamati mal-ġenituri mill-iskejjel fi ħdan dak il-kulleġġ partikolari.
L-iskejjel jagħtu prijorità lill-benessri tat-tfal b'mod olistiku u nemmnu li dieta tajba hija parti importanti ħafna fl-iżvilupp tat-tfal. Informazzjoni dwar il-politika dwar l-ikel tajjeb għas-saħħa fl-iskejjel tista’ tinkiseb minn hawn.
Stampa ċara tal-kurrikulu għal din l-età tista’ tinkiseb minn hawn.
Il-ġenituri/gwardjani jistgħu jappoġġjaw u jikkomplementaw l-esperjenza tat-tagħlim tat-tfal billi jżommu ruħhom aġġornati mal-esperjenza tat-tagħlim li tkun qed issir fl-iskola. Il-ġenituri huma mħeġġa jikkomunikaw regolarment mat-tfal tagħhom dwar l-esperjenzi ta' kuljum tagħhom fl-iskola, jisimgħu dak li għandhom x’jgħidu t-tfal u jappoġġjaw it-talbiet għall-appoġġ ta’ wliedhom. Il-ħin li wieħed iqatta’ jitkellem m’uliedu huwa ħin investit tajjeb. Il-ġenituri għandhom ukoll ikollhom kotba addizzjonali u riżorsi edukattivi oħra disponibbli għal uliedhom fid-dar, sabiex it-tfal ikunu jistgħu jkomplu jespandu l-esperjenzi tat-tagħlim tagħhom. Tali riżorsi jistgħu jiġu mislufa mill-libreriji pubbliċi jew tal-iskola. Skont l-età tat-tfal, il-ġenituri jistgħu jqattgħu ħin jaqraw lit-tfal tagħhom kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti, jew jinkoraġġixxu lit-tfal biex jaqraw varjetà ta' ġeneri li huma ta' interess għalihom. Il-ġugarelli edukattivi wkoll jistgħu jgħinu lit-tfal jidħlu aktar fil-fond f'oqsma li huma rilevanti u ta’ interess għalihom. Riżorsi ta’ divertiment edukattiv, inkluż logħob diġitali, jgħinu biex jiżdiedu l-esperjenzi tat-tfal. Il-ħin li wieħed iqatta’ fuq dan it-tip ta’ divertiment għandu jkun ibbilanċjat b'ħin ieħor iddedikat għal attività fiżika u għas-soċjalizzazzjoni.
F'każ ta’ diffikultajiet li t-tfal jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw fl-iskola, il-ġenitur għandu jikkuntattja lill-għalliem jew lill-Kap tal-Iskola biex jiċċara kwalunkwe kwistjoni. Huwa biss f’każ li l-ġenitur ma jkunx sodisfatt bit-tweġiba li rċieva li għandu jagħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Principal tal-Kulleġġ.
Attivitajiet informali barra l-iskola bħalma huma l-parteċipazzjoni fl-isports, mużika, arti, żfin, drama eċċ, jew l-attendenza fi klabbs jgħinu lit-tfal jissoċjalizzaw u jwessgħu l-esperjenzi u l-ħiliet tagħhom meħtieġa għat-tagħlim tul il-ħajja. Attivitajiet fiżiċi bħal sports, mixjiet fil-kampanja u attivitajiet simili oħra jgħinu lit-tfal jikbru b'saħħithom. Dan għandu jkun ikkumplimentat minn ikliet bnini ta' kuljum, skont l-età tat-tfal f’nofsinhar u filgħaxija.
Is-sena skolastika li jmiss se tibda fis-26 ta’ Settembru 2018. Il-vaganzi ta' nofs it-terminu se jkunu bejn l-1 u l-5 ta’ Novembru 2018. Il-vaganzi tal-Milied se jibdew fl-24 ta’ Diċembru 2018 u l-iskola tibda t-tieni terminu tagħha fis-7 ta' Jannar 2019.
Il-vaganzi tal-Karnival se jkunu fl-4 u l-5 ta' Marzu 2019 filwaqt li l-vaganzi tal-Għid se jibdew mis-17 ta' April sal-25 ta' April 2019.
Tixtieq tikkjarifika xi mistoqsija?
Tixtieq aktar informazzjoni?