Kinder 2
Il-Kinder 2 tibni fuq is-sena skolastika ta’ qabel. Matul din is-sena t-tfal jibdew jitħejjew għal aktar edukazzjoni formali li tibda fis-sena ta’ wara, jiġifieri fil-Year 1.
Għalkemm l-edukazzjoni tal-kindergarten mhix obbligatorja, din tkompli tqiegħed is-sisien tat-tħejjija ta’ wliedkom biex jidħlu fl-iskola primarja.
Fil-kindergarten, it-tfal ikomplu jiksbu aktar ħiliet letterarji u soċjali bażiċi b’mod divertenti billi jilagħbu ma’ sħabhom tal-klassi u billi jsegwu ċerti eżerċizzji mmexxija mill-għalliema tagħhom. L-enfasi ssir fuq l-edukazzjoni bbilanċjata iżjed milli fuq il-prestazzjoni nfisha.
Bħal fil-Kinder 1, il-ġenituri jitħeġġu jibnu relazzjoni komunikattiva mal-edukaturi sabiex irawmu perspettiva pożittiva rigward l-iskola u l-benessri tat-tfal.
Mistoqsi jiet Frekwenti
Tista’ tirreġistra lit-tfal tiegħek skont il-lokalità tar-residenza. Jekk, pereżempju, toqgħod iż-Żejtun, biex tirreġistra għandek iżżur l-Iskola Primarja taż-Żejtun. Jekk il-ġenituri jkunu jridu jirreġistraw tfal fi skola li mhix fil-lokalità ta’ residenza tagħhom, jenħtieġ imorru għand l-Uffiċċju tal-Principal tal-Kulleġġ tal-iskola li jippreferu u jirreġistrawhom hemmhekk. Ġaladarba t-tieni każ jittratta reġistrazzjoni barra mil-lokalità, qabelxejn il-ġenituri jingħataw tagħrif dwar id-disponibbiltà.
L-uniformijiet jinxtraw mingħand ‘Yorkie Clothing’, Triq San Ġiljan, B’Kara BKR 2808 (qrib l-Isptar Mater Dei). Matul il-btajjel tas-sajf ‘Yorkie Clothing’ jikkollabora mal-Kulleġġi u joffri li jbiegħ uniformijiet fi skola waħda jew iktar f’dati fissi li jiġu rreklamati mal-ġenituri fl-iskejjel li jaqgħu taħt dak il-Kulleġġ partikolari.
L-iskejjel jagħtu prijorità lill-benessri tat-tfal b’mod olistiku u nemmnu li d-dieta tajba hija parti importanti ħafna mill-iżvilupp tat-tfal. Informazzjoni dwar in-nutrizzjoni tajba fl-iskejjel tinsab hawn.
It-tfal f’dan l-istadju jassorbu ħafna. Ir-riċerka wriet li affarijiet sempliċi bħall-qari ta’ storja minn ktieb darba kuljum diġà żżid il-ħiliet tal-litteriżmu tat-tfal. L-edukazzjoni hija esperjenza kontinwa u m’għandhiex titqies – speċjalment f’età bikrija – bħala l-uniku skop tal-iskola.
Il-ġenituri/kustodji jistgħu jappoġġjaw u jikkomplementaw l-esperjenza edukattiva tat-tfal billi jibqgħu aġġornati dwar l-esperjenza tat-tagħlim li ssir fl-iskola. Il-ġenituri jitħeġġu jikkomunikaw ma’ wliedhom b’mod regolari rigward l-esperjenzi li jgħaddu minnhom fl-iskola kuljum, jisimgħu xi jkollhom xi jgħidu u jappoġġjaw it-talbiet għal għajnuna li jagħmlulhom. Il-komunikazzjoni mat-tfal hija żmien investit tajjeb.
Il-ġenituri għandhom ukoll iżommu d-dar kotba u riżorsi edukattivi oħrajn sabiex it-tfal ikunu jistgħu jkomplu jespandu l-esperjenzi tat-tagħlim tagħhom. Riżorsi bħal dawn jistgħu jinkisbu b’self mil-libreriji pubbliċi jew minn dawk tal-iskola. Dejjem skont l-età tat-tfal, il-ġenituri jistgħu jqattgħu ċertu ħin jaqraw lil uliedhom kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti, jew jinkuraġġuhom jaqraw varjetà ta’ ġeneri li jinteressawhom. Il-ġugarelli edukattivi jistgħu wkoll jgħinu lit-tfal biex jidħlu aktar fil-fond f’oqsma intriganti u rilevanti għalihom. Ir-riżorsi ta’ divertiment edukattiv, inkluż il-logħob diġitali, kapaċi jkattru l-esperjenzi tat-tfal. Il-ħin allokat għal divertiment bħal dan għandu jkun ibbilanċjat b’ħin ieħor iddedikat għal attivitajiet fiżiċi u soċjali.
F’każ ta’ diffikultajiet li t-tfal jistgħu jkunu qed jaffaċċjaw fl-iskola, il-ġenituri għandhom ikellmu lill-għalliema jew lill-Kap tal-Iskola biex jiċċaraw kwalunkwe kwistjoni. Il-kuntatt mal-uffiċċju tal-Principal tal-Kulleġġ għandu jsir biss meta l-ġenituri ma jkunux sodisfatti bit-tweġiba li jingħataw.
Attivitajiet informali barra mill-iskola, bħall-parteċipazzjoni fi sports, mużika, arti, żfin, drama u l-bqija, jew l-attendenza fi klabbs jgħinu lit-tfal jissoċjalizzaw u jwessgħu l-esperjenzi u l-ħiliet meħtieġa għat-tagħlim tul il-ħajja. Attivitajiet fiżiċi bħal sports, mixjiet fil-kampanja u ħarġiet simili oħra jgħinu lit-tfal jikbru f’saħħithom. Dan għandu jkun ikkumplimentat kuljum b’ikel san waranofsinhar u filgħaxija, dejjem skont l-età tat-tfal.
Is-sena skolastika li jmiss ser tibda uffiċjalment fl-aħħar ta’ Settembru 2018. Il-vaganzi ta’ nofs it-terminu ser ikunu bejn l-1 u l-5 ta’ Novembru. Il-vaganzi tal-Milied ser jibdew fl-24 ta’ Diċembru 2018 u t-tieni terminu ser jibda fis-7 ta’ Jannar 2019.
Il-vaganzi tal-Karnival se jkunu fl-4 u l-5 ta' Marzu 2019 filwaqt li l-vaganzi tal-Għid se jibdew mis-17 ta' April sal-25 ta' April 2019.
Tixtieq tikkjarifika xi mistoqsija?
Tixtieq aktar informazzjoni?