Kinder 1
Il-ġurnata l-kbira waslet.
Iż-żgħir jew iż-żgħira ser imorru l-iskola għall-ewwel darba. Kunu żguri li dakinhar iżżommi mad-drawwa li tiġbdu ritratt ta’ tifkira.
L-ewwel jum tal-iskola jista’ jkun ġurnata speċjali ħafna fil-ħajja tat-tfal u tal-ġenituri. Huwa pass radikali fejn it-tfal jitilqu mil-limiti tal-ġenituri biex imiddu riġlejhom fil-vjaġġ edukattiv.
Dan it-tragward huwa importanti, iżda jista’ wkoll jikkawża ansjetà u stress kemm lit-tfal kif ukoll lill-ġenituri. Dawn is-sentimenti huma għalkollox normali. L-aħjar ħaġa li tistgħu tagħmlu hija li trawmu immaġni pożittiva tal-iskola fix-xhur ta’ qabel dan il-jum.
Hija ħaġa normali li t-tfal jistgħu jgħaddu minn ċertu livell ta’ ansjetà minħabba l-bidla fl-ambjent. Inħeġġukom biex tinvolvu ruħkom fl-attivitajiet tal-iskola u biex tibnu relazzjoni pożittiva mal-edukaturi tal-kindergarten li jkunu responsabbli mit-tfal tagħkom. F’din l-età t-tfal abbli ma jkunux fl-iktar fażi komunikattiva, iżda madankollu jassorbu ċerti ħwejjeġ tassew malajr, fosthom ir-rapport tajjeb tagħkom mal-iskola u mal-għalliema.
F’din l-età t-tfal ikunu qed jgħaddu minn żvolti fl-iżvilupp mentali, psikoloġiku, fiżiku u soċjali tagħhom, u ser tittendu b’dan kollu matul din is-sena skolastika kollha.
Għalkemm l-edukazzjoni tal-kindergarten mhix obbligatorja, din tqiegħed is-sisien tat-tħejjija ta’ wliedkom biex jidħlu fl-iskola primarja.
Fil-kindergarten, it-tfal jiksbu ħiliet letterarji u soċjali bażiċi b’modi divertenti billi jilagħbu ma’ tfal oħrajn.
L-edukaturi jitħarrġu apposta biex irawmu l-imħabba għat-tagħlim b’modi divertenti u eċċitanti.
Il-kindergarten tgħin ukoll lit-tfal biex jidħlu bil-mod il-mod fis-sistema skolastika. Huwa importanti li jidraw iqattgħu ċertu ħin ’l bogħod mid-dar u mill-familja f’ambjent ta’ skola.
Matul din l-età l-edukaturi jżommu għajnejhom fuq il-ħila tat-tfal li jaħdmu ma’ ħaddieħor, fuq il-livell ta’ interazzjoni li juru, fuq il-kapaċità li jagħmlu l-ħbieb u fuq il-ħiliet soċjali u interpersonali tagħhom. Il-ġenituri jitħeġġu jiftħu l-kanali tal-komunikazzjoni u jrawmu relazzjoni tajba mal-edukaturi, sabiex ikunu jistgħu jiddiskutu dawn l-oqsma magħhom kull meta jkun meħtieġ.
Matul din is-sena skolastika ser jibda jitħaddem, tarġa tarġa fil-Kinder 1, programm ġdid ta’ riżultati tat-tagħlim. Dan il-programm jibni fuq l-interessi tat-tfal b’approċċ integrat lejn il-tħarriġ u t-tagħlim li jtella’ lit-tfal fi gradi dejjem ogħla ta’ kompetenza.
L-edukazzjoni effettiva fis-Snin Bikrin tibni fuq l-għarfien li jkun diġà nkiseb mit-tfal, jistimulahom jistaqsu mistoqsijiet, jgħaqqdu l-kunċetti u jwessgħu l-fehim emerġenti tagħhom dwar id-dinja. Ser jitħaddem approċċ ibbażat fuq il-proġetti, fejn it-tħarriġ u t-tagħlim isir permezz tal-iżvilupp ta’ temi. Il-ġenituri/kustodji ser jirċievu rapporti rigward ir-riżultati miksuba mit-tfal tagħhom. Il-Programm tar-Riżultati tat-Tagħlim jinsab hawn.
Mistoqsi jiet Frekwenti
It-tfal jistgħu jiġu rreġistrati fl-iskejjel għall-klassijiet tal-kindergarten sa minn kmieni malli jagħlqu sentejn u 9 xhur. Dan jista’ jsir mill-uffiċċju tal-Kap tal-Iskola Primarja tal-lokalità tagħhom.
It-tfal għandhom ikunu tħarrġu jużaw it-tojlit qabel jibdew jattendu l-kindergarten.
Tista’ tirreġistra lit-tfal tiegħek skont il-lokalità tar-residenza. Jekk, pereżempju, toqgħod iż-Żejtun, biex tirreġistra għandek iżżur l-Iskola Primarja taż-Żejtun.
Jekk il-ġenituri jkunu jridu jirreġistraw tfal fi skola li mhix fil-lokalità ta’ residenza tagħhom, jenħtieġ imorru għand l-Uffiċċju tal-Principal tal-Kulleġġ tal-iskola li jippreferu u jirreġistrawhom hemmhekk. Ġaladarba t-tieni każ jittratta reġistrazzjoni barra mil-lokalità, qabelxejn il-ġenituri jingħataw tagħrif dwar id-disponibbiltà, peress li l-prijorità dejjem tingħata lit-tfal ta’ dik il-lokalità partikolari. Talba barra mil-lokalità s-soltu tintlaqa’ b’eċċezzjoni, u għaldaqstant il-ġenituri għandu jkollhom raġuni valida u jridu jagħtu evidenza li t-talba tagħhom tkun qed issir minħabba ħtieġa ġenwina.
L-uniformijiet jinxtraw mingħand ‘Yorkie Clothing’, Triq San Ġiljan, B’Kara BKR 2808 (qrib l-Isptar Mater Dei). Matul il-btajjel tas-sajf ‘Yorkie Clothing’ jikkollabora mal-Kulleġġi u joffri li jbiegħ uniformijiet fi skola waħda jew iktar f’dati fissi li jiġu rreklamati mal-ġenituri fl-iskejjel li jaqgħu taħt dak il-Kulleġġ partikolari.
It-tfal f’dan l-istadju jassorbu ħafna. Ir-riċerka wriet li affarijiet sempliċi bħall-qari ta’ storja minn ktieb darba kuljum diġà żżid il-ħiliet tal-litteriżmu tat-tfal. L-edukazzjoni hija esperjenza kontinwa u m’għandhiex titqies – speċjalment f’età bikrija – bħala l-uniku skop tal-iskola.
Il-ġenituri/kustodji jistgħu jappoġġjaw u jikkomplementaw l-esperjenza edukattiva tat-tfal billi jibqgħu aġġornati dwar l-esperjenza tat-tagħlim li ssir fl-iskola. Il-ġenituri jitħeġġu jikkomunikaw ma’ wliedhom b’mod regolari rigward l-esperjenzi li jgħaddu minnhom fl-iskola kuljum, jisimgħu xi jkollhom xi jgħidu u jappoġġjaw it-talbiet għal għajnuna li jagħmlulhom. Il-komunikazzjoni mat-tfal hija żmien investit tajjeb.
Il-ġenituri għandhom ukoll iżommu d-dar kotba u riżorsi edukattivi oħrajn sabiex it-tfal ikunu jistgħu jkomplu jespandu l-esperjenzi tat-tagħlim tagħhom. Riżorsi bħal dawn jistgħu jinkisbu b’self mil-libreriji pubbliċi jew minn dawk tal-iskola. Dejjem skont l-età tat-tfal, il-ġenituri jistgħu jqattgħu ċertu ħin jaqraw lil uliedhom kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti, jew jinkuraġġuhom jaqraw varjetà ta’ ġeneri li jinteressawhom. Il-ġugarelli edukattivi jistgħu wkoll jgħinu lit-tfal biex jidħlu aktar fil-fond f’oqsma intriganti u rilevanti għalihom. Ir-riżorsi ta’ divertiment edukattiv, inkluż il-logħob diġitali, kapaċi jkattru l-esperjenzi tat-tfal. Il-ħin allokat għal divertiment bħal dan għandu jkun ibbilanċjat b’ħin ieħor iddedikat għal attivitajiet fiżiċi u soċjali.
F’każ ta’ diffikultajiet li t-tfal jistgħu jkunu qed jaffaċċjaw fl-iskola, il-ġenituri għandhom ikellmu lill-għalliema jew lill-Kap tal-Iskola biex jiċċaraw kwalunkwe kwistjoni. Il-kuntatt mal-uffiċċju tal-Principal tal-Kulleġġ għandu jsir biss meta l-ġenituri ma jkunux sodisfatti bit-tweġiba li jingħataw.
Attivitajiet informali barra mill-iskola, bħall-parteċipazzjoni fi sports, mużika, arti, żfin, drama u l-bqija, jew l-attendenza fi klabbs jgħinu lit-tfal jissoċjalizzaw u jwessgħu l-esperjenzi u l-ħiliet meħtieġa għat-tagħlim tul il-ħajja. Attivitajiet fiżiċi bħal sports, mixjiet fil-kampanja u ħarġiet simili oħra jgħinu lit-tfal jikbru f’saħħithom. Dan għandu jkun ikkumplimentat kuljum b’ikel san waranofsinhar u filgħaxija, dejjem skont l-età tat-tfal.
Is-sena skolastika li jmiss ser tibda uffiċjalment fl-aħħar ta’ Settembru 2018. Il-vaganzi ta’ nofs it-terminu ser ikunu bejn l-1 u l-5 ta’ Novembru. Il-vaganzi tal-Milied ser jibdew fl-24 ta’ Diċembru 2018 u t-tieni terminu ser jibda fis-7 ta’ Jannar 2019.
Il-vaganzi tal-Karnival se jkunu fl-4 u l-5 ta' Marzu 2019 filwaqt li l-vaganzi tal-Għid se jibdew mis-17 ta' April sal-25 ta' April 2019.
Tixtieq tikkjarifika xi mistoqsija?
Tixtieq aktar informazzjoni?